689. Talba lil Ġesù Msallab

Hawn jien, o Ġesù maħbub tiegħi,
Mixħut quddiem il-preżenza tiegħek,
Nitolbok bl-akbar ħrara
Tnissel fil-qalb tiegħi
Sentimenti ta’ fidi, ta’ tama, ta’ mħabba,
Ta’ ndiema kbira ta’ dnubieti u ta’ fehma sħiħa
Li ma noffendikx qatt iżjed;
Filwaqt li bl-imħabba u l-ħniena kollha
Sejjer inġib quddiem għajnejja
Il-ħames pjagi tiegħek,
Nibda minn dak li qal fuqek
Il-qaddis profeta David:
“Nifduli jdejja u riġlejja,
U għaddewli għadmi kollha.”