Ktieb tal-Kant u Aktar
Gwida għall-għażla tal-kant waqt il-quddiesa Il-kant għandu l-qawwa li jiġbor lin-nies kollha f’vuċi waħda, fl-istess ton u ritmu. Il-ministeru tal-mużika waqt il-quddies irid jgħin lil dawk miġburin biex jipparteċipaw. Għalhekk huwa importanti li l-innijiet jiġu magħżula b’sensittività għat-tip ta’ ġemgħa miġbura (żgħażagħ, tfal, studenti, membri ta’ għaqda eċċ). Barra minn hekk, l-għażla trid tkun taqbel mal-mument liturġiku (introjtu, jew offertorju, jew tqarbin eċċ). Biex il-ministri tal-mużika jkunu megħjuna fl-għażla ta’ innijiet, f’dawn il-linji gwida nsibu l-quddiesa maqsuma u spjegata skont id-diversi mumenti tagħha. Il-punti ta’ spjegazzjoni huma meħuda mill-Istituzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman, filwaqt li s-suġġerimenti u eżempji ta’ innijiet ġew ippreparati minn Ivan Laferla. L-Introjtu: Waqt il-purċissjoni tas-saċerdot lejn l-artal, jibda l-kant tal-introjtu. Dan il-kant isir biex jiftaħ iċ-ċelebrazzjoni, jgħin lin-nies ħalli jingħaqdu bejniethom u jiftakru fil-misteru li jkunu se jiċċelebraw skont iż-żmien liturġiku jew il-festa li tkun. Irid ikun innu ta’ stedina eż. Come on and celebrate Kyrie u Glorja: Waqt il-Kyrie, il-ġemgħa titlob maħfra lil Alla għan-nuqqasijiet tagħha. Il-Glorja hija innu antik li bih il-Knisja tagħti glorja lil Alla l-Missier u lill-Ħaruf u titlobhom bl-umiltà. Il-kliem ta’ dan l-innu m’għandux jinbidel. Il-Glorja titkanta fil-Ħdud barra l-Avvent u r-Randan; fis-solennità u l-festi, kif ukoll f’ċelebrazzjonijet speċjali aktar solenni mis-soltu. Irid ikun fihom il-kliem liturġiku kollu. Waqt il-kant tal-Glorja jista’ jsir ħin ta’ tifħir lil Alla. Alleluia: Wara s-silta li tinqara eżatt qabel l-Evanġelju, titkanta l-Alleluia; matul ir-Randan inkantaw minflok ‘Glorja u tifħir lilek Kristu’. Permezz ta’ dan il-ġest, dawk miġburin ikunu qegħdin jilqgħu lill-Mulej li jkun sejjer ikellimhom fl-Evanġelju. Jekk ser jitkanta wkoll il-versett, tajjeb li jkun tal-ġurnata. L-Offerti: Fil-ħin tal-Offerti jinġiebu fuq l-artal il-ħobż u l-inbid, l-istess elementi li Kristu ħa f’idejh fl-aħħar ikla. Irid ikun innu ta’ offerta eż. Dil-qalb dal-moħħ jew Irrid nieħu sehem Talba Ewkaristika: Waqt dan il-mument il-ħobż u l-inbid jinbidlu verament fil-ġisem u d-demm ta’ Kristu. L-elementi l-kbar tat-Talba Ewkaristika huma dawn: a) ir-radd il-ħajr (il-prefazju); b) l-akklamazzjoni (il-Qaddis); ċ) epiklesi (talba biex l-Ispirtu s-Santu iqaddes id-doni u lill-bnedmin); d) ir-rakkont tat-twaqqif tal-Ewkaristija; e) anamnesi (il-Knisja tobdi l-kmand li rċeviet mingħand il-Mulej li tkompli tagħmel dan b’tifkira tiegħu; f) l-offerta (il-Knisja toffri l-vittma bla tebgħa lill-Missier fl-Ispirtu s-Santu); ġ) l-interċessjonijiet; u g) id-dossoloġija tal-aħħar (Bi Kristu ...). Jekk ser titkanta, importanti li jingħad il-kliem liturġiku kollu. Konsagrazzjoni: Waqt ir-rakkont tat-twaqqif tas-sagrifiċċju u l-Konsagrazzjoni jinżamm is-skiet. Wara l-Konsagrazzjoni: Wara l-Konsagrazzjoni ma tistax issir adorazzjoni. Ma jistax isir kant ieħor - la ta’ adorazzjoni u lanqas Marjan. Il-Missierna: Il-Missierna hija t-talba tal-Mulej, u fiha nitolbu lil Alla biex jagħtina l-ħobż ta’ kuljum, li lill-Insara jfakkarhom fil-Ħobż Ewkaristiku, u biex jaħfrilna dnubietna, ħalli l-ħwejjeġ qaddisa nirċevuhom tassew bil-qdusija. Din hija talba komunitarja u parteċipattiva. Irid ikun fiha l-kliem tal-Missierna u mhux xi forma oħra. Ir-Rit tal-Paċi: Fir-rit tal-paċi, l-Knisja titlob lil Alla biex jagħti s-sliem u l-għaqda lilha nnifisha u lill-familji kollha tal-bnedmin, u dawk miġburin ifissru l-għaqda u l-imħabba ta’ bejniethom, qabel ma jitqarbnu. Waqt li jsir il-qsim tal-ħobż titkanta l-Ħaruf t’Alla. Dan ir-rit ifisser li aħna, għalkemm ħafna, insiru ġisem wieħed meta fit-tqarbin naqsmu bejnietna l-ħobża waħda tal-ħajja. Il-Paċi u l-Ħaruf t’Alla jrid ikun fihom il-kliem liturġiku sħiħ. Tqarbin: Waqt it-tqarbin tas-saċerdot jibda l-kant tat-Tqarbin. Dan il-kant ifisser li bħalma l-Insara huma magħquda leħen wieħed flimkien hekk huma ruħ waħda bejniethom, u li b’qalbhom ferħana qegħdin iħossuhom bħala familja waħda resqin għat-tqarbin. Il-kant jibqa’ sejjer sakemm jitqarbnu l-fidili kollha. Mument solenni. Kant Ewkaristiku, kant ta’ adorazzjoni indirizzat lejn il-Mulej Għeluq: Permezz tar-rit tal-Għeluq, is-saċerdot jibgħat lil dawk miġbura fis-sliem u fil-ferħ, biex ikomplu jwettqu dak li ċċelebraw fil-ħajja ta’ kuljum u jfaħħru u jbierku lill-Mulej. Kant ta’ tifħir/ċelebrazzjoni
|