Chords
CHORDS
 
Scores
SCORE
 

263. Il-mibgħut

Inti t-triq u l-ħajja,
Inti l-verità,
Inti li tmexxini lejn il-libertà,
Inti li għaziltni biex nimxi warajk
U nitgħallem minnek
Nagħmel dak li Alla jrid.
Ridt li tibqa’ fija u jien nibqa’ fik
Ħalli nġorrok dejjem ġo fija.

Inti kont li għażiltni,
Mhux għażiltek jien,
Ħtartni biex tibgħatni nxandrek kullimkien.
Fuq il-pala ta’ idejk, ismi int naqqaxt,
Wgħedtni illi waħdi Inti ma tħallini qatt.
Kemm-il darba għejjejt u ħrabt,
Int ma tlaqtni qatt
U bqajt dejjem tiġri warajja.

Ħeġġeġ Int lil qalbi bħal ħuġġieġa nar
Biex intir bil-ħeffa mas-sinjal ta’ jdejk
Meta nkun quddiemek
B’ħarsti mwaħħla fik,
Lest biex nisma’ kelmtek
U bil-qalb immur naqdik
Nixhed quddiem ħuti l’Inti Alla ħaj
Ħliefek allat oħra ma hemmx.


Naddaf int lil fommi,
Qegħdli kliemek fih
Ħalli mmur inxandar dak li tgħidli int.
Fit-tfixkil li jiena nsib, kun għalija sur,
Ħudni u kenninni int
Għas-satra ta’ ġwenħajk
U jekk naqta’ qalbi quddiem it-taħbit
Tini l-qawwa int li nżomm sħiħ.

Meta d-dgħajsa tiegħi
Jitla’ għaliha l-mewġ
W inti tibqa’ rieqed bla ma tagħmel xejn
Agħmel illi nibqa’ nemmen fik bis-sħiħ
Għaliex inti r-ragħaj it-tajjeb
Li fid-dlam ukoll
Tissokta tmexxini bil-qawwa ta’ jdejk
Jekk tkun ħdejja, jien ma nibżax.

Naf li jiena ċkejken u ma niswa xejn
Imma int setgħani,
Tagħmel ħwejjeġ kbar
U biċ-ċokon tiegħi, jekk nerħih f’idejk,
Inti s-Saltna tkompli tifrex
Fi qlub il-bnedmin
Jiena l-qaddej tiegħek,
Naħdem biss għalik.
Ħa jsir minni dejjem skont kelmtek.

Kliem ta’ P. Alexander Vella O.Carm. Fuq il-mużika ta’
Symbolum ’77 ta’ Pierangelo Sequeri, 1978

 

Waqt Liturġiku

Tqarbin
 

Tema

Qima

Website: www.iktusmalta.org Copyright: Copyright