O, li kont nista’, mill-faqar tiegħi
Noħloq presepju għalik Bambin
Bil-blat, bil-grotta, bil-belt imbiegħda
Bil-ħmar u l-baqra, twajba u siktin.
Kont nibdel qalbi fil-grotta fqajra
Lil ħsibijieti f’ħotob fil-blat
Lid-dnubiet tiegħi fil-belt imbiegħda
Li kenn, lil niesek, anqas ma tat.
Kont nibdel l-egħżeż xewqat ta’ qalbi
Fil-ħmar u l-baqra b’nifishom jgħattuk
Lis-sensi tiegħi fl-ifqar pasturi
F’riġlejk mixħuta biex iqimuk.
Lil fehmti, f’tiben dik il-maxtura
Li qegħduk fiha idejn Marija
L-għana ta’ qalbi fiċ-ċirimelli
B’leħenhom jgħaxxqu l-lejla xitwija.
Lid-dwejjaq tiegħi fin-nagħaġ miġjuba
Mir-rgħajja lilek b’sinjali ta’ sliema
Lid-dawl t’għajnejja
F’musbieħ, inemnem
Jirtogħod bl-imħabba niedi bl-indiema. |
L-imħabba tiegħi
Fl-għaġeb imħeġġeġ
Li bih sellmulek Alla tarbija
Għassies tfulitek Ġużeppi t-twajjeb
U ommok, ommna l-Verġni Marija.
L-għan li noħlom iżda le ngħanni
Li bih, Mulejja, ’l ruħi fawwart
Fil-għana tal-anġli jkantawlek glorja
Fis-sema u paċi lill-bnedmin fl-art.
Din xewqti tfajjel, ħolqa li torbot
Lill-art mas-sema, ħelu Bambin
Din xewqti: ħudni miegħek fil-grotta
Mal-ħmar u l-baqra, siekta u twajbin.
O, li kont nista’ mill-faqar tiegħi
Noħloq presepju għalik Bambin
Bil-blat, bil-grotta, bil-belt imbiegħda
Bil-ħmar u l-baqra, twajba u siktin.
|