Art sabiħa, magħżula mis-sema,
Biex fost l-ewwel fid-dawl tat-twemmin
Tkun imgħammda mill-akbar Appostlu,
Pawlu Mqaddes missier il-Maltin.
Lilu bierek bħal meta ġie jżurek
Bl-ikbar ħlewwa li f’qalbek ħassejt;
Lilu faħħar u sellem bil-qima,
B’dik l-imħabba li dejjem urejt.
Rit:
Kbir Appostlu tal-Knisja ta’ Kristu
Li fil-qlub ridtu jsaltan rebbieħ,
Int ħarisna biex f’din l-art imbierka
Jibqa’ jiddi d-dawl tiegħek sabiħ!
Kienet qalbek bla biża’ qawwija,
Dejjem tħeġġeġ bl-imħabba ġo fik;
Għax ħabbejt, lilek ħaqru bħal Kristu,
L-infern kollu ried jaħbat għalik.
U mill-baħar li kaxkrek f’dil-Gżira
Ħriġt qalbieni mixgħul bit-twemmin:
Fuq ix-xtajta b’dik qalbhom ħanina
Sibt ’l uliedek jilqgħuk ferħanin. Rit:
B’dik il-kelma tas-sema fuq fommok,
B’dik il-ħlewwa, o missier, u b’dik l-id
Ġibt lil Kristu fil-qalb ta’ Gżiritna
U mlejt darna bis-saħħa, bil-ġid.
Fost uliedek din l-art Nisranija
Dejjem ħabbet tagħlimek qaddis:
Tul is-snin, fit-taqbid mal-għedewwa,
Lilek sabet Missier hekk għażiż. Rit: |